Miżuri b’rabta mal-COVID-19
Il-Covid-19 f’Malta reġgħet għolliet rasha, u fi żmien ta’ pandemija, l-irwol tal-ġurnalisti, l-fotografi u camerapersons huwa kruċjali biex ikunu ta’ servizz għall-pubbliku billi qed iwasslu informazzjoni utli biex il-pubbliku jaġixxi b’deċiżjonijiet infurmati.
L-IĠM jappella lill-ġurnalisti biex f’ħidmiethom isegwu il-miżuri biex iħarsu saħħithom u saħħet ħaddiehor. Ta’ spiss qed jaslulna ilmenti li ġurnalisti qed jispiċċaw ikollhom jinġabru fi gruppi b’ħafna nies imissu ma xulxin biex jieħdu kummenti ta’ politiċi u individwi oħra. Dan mhux aċċettabli fi żminijiet straordinarji li qed ngħixu fihom. Ir-responsabiltà għandha tinġarr minn kulħadd, inkluż mill-ġurnalisti infushom.
Nappellaw lill-ġurnalisti biex:
- Iżommu distanza ta’ żewġ metri minn persuna għall-oħra (inkluż il-camerapersons u fotografi) kif appellat mill-awtoritajiet tas-saħħa.
- Jilbsu il-maskra jew visor f’kull ħin.
- Ma jaċċettawx li joqgħodu fi gruppi fejn ma tinżammx id-distanza soċjali;
- Jużaw mic-extensions jew neck-mics biex iżomuu id-distanza minn mal-persuna li jkunu qed jintervistaw.
- Fejn hu possibli, jagħmlu użu mit-teknoloġija u jevitaw il-kuntatt.
- Ineħħu il-windshield tal-microphone li jista jigbor fih ħafna mikrobi,
- Inaddfu l-apparat (inkluż microphone, kameras u anke il-mobiles) b’mod regolari b’antiseptic wipes
- Iżommu antiseptic hand rub jew wipes fil-karozzi u jnaddfu idejhom wara kull servizz
- Iħallu siġġu jew tnejn vojta bejn persuni oħra waqt konferenza tal-aħbarijiet jew servizzi oħra
- Jevitaw l-użu ta’ lifts u fejn mhux possibli ma jitilgħux f’lifts ma persuni li ma jaħdmux fl-istess kumpanija tagħhom.
Il-ġurnalisti jinsabu hemm biex iservu lill-pubbliku. F’każ li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, il-ġurnalisti jibqgħu għodda kruċjali biex titwassal l-aħħar informazzjoni u l-aktar waħda fattwali lill-pubbliku.
Nappellaw lill-awtoritajiet biex jikkoperaw mal-gurnalisti waqt li jsegwu dawn il-miżuri. Xogħol il-ġurnalisti hu essenzjali mhux biss biex jitrażmettu l-informazzjoni tal-awtoritajiet imma anke biex ikun il-vuċi tal-pubbliku. Għalhekk nappellaw ukoll biex anke jekk jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, il-ġurnalisti jibqa’ jkollhom l-opportunità li waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet, il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu il-mistoqsijiet tagħhom.
L-IĠM jixtieq jirringrazzja ukoll lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa għax-xogħol li qed iwettqu f’dan iż-żmien delikat. L-IĠM jibqa’ kommess li jiġbed ħabel wiehed għall-ġid komuni.