
Li l-ġurnalisti ma kienux mistiedna għall-iffirmar tal-ftehim tal-Miżieb huwa att anti-demokratiku
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) huwa ddiżappuntat ferm dwar kif f’okkażżjoni li fiha l-Gvern iffirma ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u li għaliha kienu preżenti mhux anqas minn tliet Minstri u Segretarju Parlamentari, il-Gvern ma ħariġx sejħa għall-media biex il-ġurnalisti jattendu għal din l-attività. L-IĠM ma jistax ħlief jinterpeta dan il-fatt bħala azzjoni anti-demokratika, maħsuba biss biex tbiegħed lill-ġurnalisti mill-possibbiltà li jistaqsu u jitolbu kontabbiltà partikolarment fi żmien meta l-UE qed turi tħassib kbir dwar il-kaċċa llegali.
L-IĠM ifakkar li l-Gvern huwa biss il-kustodju, jew f’termini ta’ xogħol il-manager, tal-ġid ta’ Malta, kemm dak materjali, li jinkludi l-art, kif ukoll dak mhux materjali, li jinkludi il-wellbeing tas-soċjetà kollha mhux ta’ parti minnha. Li l-media titħalla barra u li l-ġurnalisti ma jingħatawx iċ-ċans jagħmlu xogħolhom u jistaqsu l-mistoqsijiet pertinenti, huwa eżerċizzju ta’ ċensura u l-IĠM jinsisti li l-Gvern għandu jara li dan ma jerġax iseħħ.
Intennu għal darb’oħra: il-ġurnalist għandu d-dmir jistaqsi l-mistoqsijiet li dwarhom iridu tweġiba ċ-ċittadini Maltin. U l-membri tal-Gvern huma fid-dmir li jwieġbu dwar l-operat tagħhom.