Ilment dwar persuna li poġġa idejh fuq camera waqt attività politika
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin irċieva ilment minn One News wara li il-Ħadd waqt attività politika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, fi tmiem eżatt tal-indirizz tiegħu, persuna fl-istamperija tefgħet idha mal-lenti tal-camera ta’ ONE News.
Fl-ilment intqal li “f’filmat mhux biss ta’ ONE News iżda anki fix-xandira ta’ NET TV stess, il-persuna tidher tmiss il-camera u tostakola xogħol il-camera person / ġurnalist.”
L-ilment kompla li “dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet, fi tmiem l-attività, ONE News kien se jieqaf minn jeddu jiffilmja, ma kellux bżonn min jostakolah jew iwaqqfu.”
Mal-ilment ġie ppreżentat filmat fejn jidher kif ONE News kien ostakolat:
https://www.facebook.com/watch/?ref=external&v=996390767520772
Fir-risporta tiegħu, il-Partit Nazzjonalista wieġeb: “Nagħmel referenza għall-ilment mibgħut. Irid jiġi rikonoxxut li hi prassi normali li jaddottaw iż-żewġ partiti fi tmiem attivita’ politika u cioe’ dik li jitolbu lil kamera person jieqaf jiffilmja. Għalhekk, la l-attivita’ kienet spiċċat, il-persuna msemmija ma kellha l-ebda intenzjoni li tostakola lill-kamera person minn xogħolu, iżda lanqas ma kellha l-awtorita’ jew id-dritt li tmiss il-kamera.”
Reazzjoni tal-IĠM
L-IĠM ħa nota tal-ilment li rċieva mingħand One News dwar dak li seħħ il-Ħadd f’attività fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, u r-reazzjoni tal-istess Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li wieħed jifhem li hemm ftehim reċiproku bejn iż-żewġ naħat, li persuna tpoġġi idejha fuq camera hu nuqqas ta’ rispett lejn il-media u l-fiduċja li wieħed għandu juri fiha.
L-IĠM jappella li jekk kien hemm persuna li ma kellhiex awtorità tagħmel dan l-att, il-PN jieħu il-miżuri meħtieġa biex inċident bħal dan ma jerġax iseħħ.
Ħadd m’għandu jitħalla jxekkel dan il-principju bażiku għal ġid tad-demokrazija li ngħixu fiha, u l-partiti huma fl-obbligu li ma jkunux huma jew uffiċjali tagħhom li jagħmlu dan.