Top three media houses with the largest amount of finalists announced
Imħabbra it-tliet media houses li għandhom l-aktar finalisti fit-30 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards
Żvelati it-trofew il-ġdid u l-Preżentaturi taċ-ċerimonja
Ġimgħa ‘il bogħod miċ-ċerimonja finali tal-Malta Journalism Awards, tħabbar li Television Malta, Times of Malta u Lovin Malta huma it-tliet media houses bl-akbar ammont ta’ finalisti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li Valerie Vella u Colin Fitz se jkunu qed jipprezentaw iċ-ċerimonja tas-Sibt 14 ta’ Novembru li se tixxandar dirett fuq TVM2. Il-ġurnalisti ta’ One u Net, Kelly Peplow u Keane Cutajar, se jkunu qed jippreżentaw ir-Red Carpet Show qabel iċ-ċerimonja, f’xandira li se tibda fit-20:00hrs u se tixxandar dirett ukoll fuq il-paġni ta’ facebook ta’ ħafna mill-media houses ewlenin f’Malta.
L-organiżżaturi ta’ dawn l-unuri fil-ġurnalizmu qalu li ċ-ċerimonja se ssir fis-sala ewlenina tal-lukanda Corinthia San Ġorġ, San Ġiljan, fejn kien hemm kooperazzjoni sħiħa fi sforz biex iċ-ċerimonja ssir skond ir-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, maħsuba biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19. Filfatt, l-attiva se tkun ristretta għal inqas minn 100 mistieden, fosthom l-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, li aċċetta li dawn l-unuri jsiru taħt il-patroċinju tiegħu u se jkun qed jagħmel diskors dwar l-istat tal-ġurnaliżmu f’Malta; kif ukoll tal-E.T Dr Marie-Louise Coleiro Preca, President Emeritu, li qed tmexxi il-ġurija tal-Gold Award.
L-edizzjoni ta’ din is-sena hija waħda speċjali mhux biss għaliex hi t-30 edizzjoni kosekuttiva ta’ dawn l-Awards iżda minħabba l-fatt li għall-ewwel darba l-Awards qed jiġu organizzati minn Kummissjoni li nħatret apposta u li kienet responsabbli wkoll mill-bidliet fir-regolamenti, fil-proċess tan-nominazzjonijiet li sar b’mod eletroniku u kif ukoll mill-loġistika biex għall-ewwel darba dan l-avveniment jixxandar dirett fuq l-istazzjon Nazzjonali.
B’kollox se jingħataw 18-il Award fosthom il-Gold Award li ilu jingħata mis-sena 1998 meta dakinhar kien ippreżentat lil Fr Joe Borg.
#MJA30 sabet l-appoġġ ta’ diversi sponsors, ewlienin fosthom il-Bank of Valletta u Tech.mt li se jkunu l-isponsors uffiċjali tal-edizzjoni ta’ din is-sena.
Dawn l-unuri qed isiru bil-kollaborazzjoni ukoll ta’: Malta Gaming Authority, Malta Information Technology Agency, Broadcasting Authority, il-Fond għall-Kawżi Ġusti, Farsons Foundation, Malta Public Transport, Izibet, The Convenience Shop, s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, Britannia Travel u Heritage Malta.