IĠM Disappointed at PM’s flouting of laws
L-Istitut Ġurnalisti Maltim disappuntat bin-nuqqas ta’ rispett lejn il-liġijiet mill-Prim Ministru
L-IĠM huwa ddiżappuntat ferm għan nuqqas totali ta’ rispett muri mill-Gvern lejn il-liġijiet ta’ Malta, lejn il-ġurnalisti, lejn il-pubbliku u lejn is-Supretendenza tas=Saħħa Pubblika.
Ir-ritratt mehmuż jitkellem waħdu. Waqt attività li setgħet faċilment ġiet organizzata biż-żamma tad-distanzi soċjali, dan ġie għal kollox injorat minn ħadd għajr il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu. Dan fi sfond ta’ ċifri li jaqbżu l-mitt persuna infettat bil-Covid-19 kuljum, ta’ sitwazzjoni prekarja fejn hemm l-eżerċizzju tal-contact tracing qed jaqa’ lura u ta’ ekonomija li qed tbati daqs il-persuni li qed iħaddmuha. Biex ma nsemmux iż-żieda qawwija fir-rata ta’ mwiet fl-aħħar ġimgħat.
L-Avviz Legali 402/2020 jgħid: “it-tneħħija temporanja ta’ maskri tal-wiċċ għandha tkun permissibbli fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:..(d) waqt taħdit uffiċjali fil-pubbliku iżda,għandha tinżamm distanza fiżika ta’ mill-inqasżewġ (2) metri bejn l-individwi; Iżda lezzjonijiet jew lekċers ġewwaskejjel, universitajiet jew stabbilimenti oħra edukattivi ma għandhomx jiġu interpretati bħalataħdit uffiċjali fil-pubbliku. Wieħed jista’ jara, mingħajr il-ħtieġa ta’ kejl, li din id-distanza ma nżammitx mill-Prim Ministru li għandu d-dmir li jagħti l-eżempju.
Filwaqt li mhemmx wisq aktar x’jista’ jagħmel l-IĠM għajr li jinnota dan it-tip ta’ aġir u jappella sabiex jinżammu r-regoli, l-Istitut jesprimi solidarjetà ma’ kull ġurnalist li jitbiegġed minn sitwazzjonjiet bħal dawn. Jissimpatizza ma’ dawk li jħossu li fejn il-miżuri meħtieġa ma jistgħux jinżammu, il-ġurnalisti m’għandhomx jattendu. L-IĠM tappella lill-unions sabiex jieħdu nota ta’ din il-kwewtjoni u jagħtu d-direttivi meħtieġa lill-membri, għall-ġid u s-saħħa tagħhom.