#MJA30 – Id-Diskors tal-President ta’ Malta Dwar l-Istat tal-Ġurnaliżmu
Sinjuri Ġurnalisti, Mistednin Distinti,
Huwa pjaċir tiegħi, li għat-tieni darba mill-Ħatra tiegħi bħala President, ġejt mistieden nattendi u nindirizza din l-attivita’.
L-aħħar darba li ltqajna f’dan il-kuntest, iċ-ċirkostanzi kienu differenti ħafna għax ma kellniex restrizzjonijiet marbuta mal- Pandemija.
Fi ftit xhur ħajjitna, u għandi nifhem ukoll ix-xogħol tagħkom il-ġurnalisti, inbidlu ta’ taħt fuq.
Tletin sena ilu, grupp ta’ persuni li kienu midħla tal-media waqqfu grupp li dak iż-żmien kien ingħata l-isem ta’ Press Club.
M’ inhix ser nuża dawn il-ftit minuti biex inħares lura, ħlief biex inrodd ħajr lil dawk kollha li kellhom, il-viżjoni u l-ħila li jgħaqqdu korp ta’ individwi fi grupp wieħed taħt l-umbrella ta’ Ġurnalisti.
Li xtaqt huwa li ngħaddi ftit ħsibijiet fuq din il-professjoni – professjoni li fid-demokrazija għandha rwol importanti ħafna, u fuq il-ħsara li wħud li jippretendu li għandhom ir-rekwiżiti meħtieġa, meta ma jkollhomx, jagħmlu lil din il-professjoni.
Nibda għalhekk billi nisħaq fuq bżonn tal-professjonalita’.
Illum m’ għadniex nitkellmu wisq dwar il-professjoni imma aktar dwar il-professjonisti. Bħal f’kull professjoni oħra ssib min hu kompetenti u preparat u min hu superfiċjali u medjokri. Illum qegħdin hawn biex niċċelebraw il-ġurnaliżmu serju, u nirrikonoxxu l-valur tiegħu meta jinżamm fl-ogħla livell.
Tajjeb li f’din l-okkażjoni nirriflettu ftit dwar dak li jagħmel ġurnalist professjonist.
It- tfittxija għall-verità. Din hija fundamentali.
Ġurnalist tal-affari tiegħu isaqsi il-ħin kollu, jixtarr dak li jintqal u ma jieħu xejn bħala benfatt.
Li ssaqsi huwa dover u xhieda ta’ moħħ li huwa attiv u inkwiżittiv – speċjalment f’ dan il-qasam.
Il-ġurnalist li jħalli lsienu jeħillu quddiem is-setgħana, jew jieqaf ifittex il-verità tal-fatti minħabba tentattivi biex iħajruh jieqaf – mhux ser jaqdi dmiru sew.
Mhux qed nghid li ġurnalist għandu jkun arroganti, jew kif mhux rari naraw jipprova jkun hu il-politiku. Mhux dan qed nghid. Qed ngħid li l-ġurnalist għandu jagħmel mistoqsijiet leġittimi, li ħafna drabi jgħaddu minn moħħ bosta oħrajn.
Jagħmel mistoqsijiet bil-għan li jkompli jibni d-dossier tiegħu u biex jiċċara dak li f’moħħu għadu mhux ċar.
Ġurnalist serju m’ għandux jagħmel mistoqsijiet spekulattivi.
M’għandux jitfa’ xibka bl-addoċċ, biex jara x’jaqbad, għaliex fil- proċess jaf iweġġa’ nies li ma jkollhom x’jaqsmu xejn, u jaf b’hekk ibiegħed il-verità.
Ir-rażan huwa daqstant ieħor importanti.
L-għaqal tal-pinna mirquma jintwera meta ġurnalist jagħraf jikteb u jitkellem b’għażla tajba u xierqa ta’ kliem mingħajr ma jesaġera u jfittex is-sensazzjonaliżmu.
Ir-rażan għandu jiġi determinat mir-realtà tal-fatti u r-riċerka u mhux minn truf u xnihat mitfugħa bl-addoċċ.
M’għandhomx jinħmew stejjer li huma biss spekulattivi, bis- sempliċi tir li l-istorja toħloq sensazzjoni, u jitħalla jaqdef biex inaddaf lilu nnifsu min ikun ġie mċappas b’dawk l-allegazzjonijiet.
Wieħed irid ukoll iqis x’impatt iħallu magħhom l-allegazzjonijiet, u kif dawn jafu jtappnu u joħonqu l-verità, minflok ma joħorguħa.
Hemm aħbarijiet li minnhom infushom huma ta’ sensazzjoni.
Iżda meta ġurnalist joħloq sensazzjoni fejn ma hemmx, allura l- qalba tal-aħbar tiġi trivjalizzata u s-servizz lejn il-verità u s-socjetà jiddgħajjef.
Biex dan ma jseħħx irid ikun hemm kmand tal-kelma, tal-ilsien użat, ħaġa li sfortunatament, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tgħib.
Ħa niftaħ parenteżi żgħira. Tkellimt kemm il-darba fuq l-użu korrett u xieraq tal-ilsien Malti, u nerġa’ nagħmel il-punt hawnhekk. Intom ukoll edukaturi f’dan ir-rigward, u nappella lilkom ilkoll biex tħarsu l-ilsien Malti permezz ta’ xogħolkom.
Qiegħed nirreferi hawn kemm għall-Malti miktub, kif ukoll dak mitkellem fuq il-mezzi tax-xandir.
L-umiltà ukoll hija ingredjent important għall-ġurnalist.
Kulħadd għandu il-preġudizzji u l-preferenzi tiegħu, u min jgħid li m’għandux ghax huwa ‘indipendenti’ qed jilludi – l-ewwelnett lilu nnifsu stess.
Ġurnalist kapaċi izomm lilu nnifsu miftuh għal angoli kollha li forsi, fil-bidu, seta’ ma rahomx jew ma kkunsidrhomx.
Jekk wieħed jitlaq mill-punt li diġa jaf it-tmiem – allura wkoll il- verita żgur, mhux forsi, mhux se tkun stmata u mwassla.
Il-preġudizzju ma jħallikx tagħrbel l-informazzjoni miksuba b’mod newtrali, u ma jħallikx tasal għall-verità tal-fatti.
F’dan kollu li għadni kemm semmejt, hemm kwalita’ li tgħaqqad kollox – l-integrità.
Bniedem integru jgħozz il-valur tal-verità u tal-onestà fuq kollox. Dan jgħodd għal kulħadd iżda fuq kollox għall-ġurnalist. Żommu għalhekk dan il-prinċipju ‘l fuq minn kollox meta tkunu qwed twettqu xogħlkom.
Ftakru li bl-azzjoni tagħkom tistgħu tkissru l-fama, l-karriera u s- serenità ta’ min ikun interpellat b’mod żbaljat jew b’mod spekulattiv.
Ma rridx nagħlaq dan id-diskors qasir tiegħi bla ma niċċara li b’dak li għidt ma ridtx infisser li m’għandniex ġurnalisti serji u dedikati. Altru.
Għandna ħafna minnhom u dawn qegħdin jiġu rikonoxxuti hawnhekk illum.
Jiena ridt inwassal messaġġ li min jaħseb li l-ġurnaliżmu huwa mestier li tista’ tagħmlu mingħajr il-preparazzjoni meħtieġa, sejjer żbaljat.
Bħal kull professjoni oħra, irid il-preparazzjoni tiegħu, irid l-etika, irid sens ta’ responsabbiltà u fuq kollox maturità ta’ ġudizzju u kuxxjenza tal-impatt – pożittiv jew negattiv – li jġorr miegħu, kemm fuq individwi, fuq opinjonijiet, u fuq is-soċjetà in ġenerali.
Nagħlaq billi nifraħ lir-rebbieħa tal-premjijiet tal-kategoriji differenti u nagħmlilhom il-kuraġġ jibqgħu jżommu dawn il-livelli ta’ ħidma u professjonalità.
Għeżiez Ġurnalisti,
B’xogħklom qegħdin tagħtu servizz siewi ħafna lis-soċjetà. Qegħdin ukoll tkunu ta’ eżempju għal kollegi oħra, u forsi wkoll għal xi studenti li huma mħajra għal dan il-qasam bħala karriera aktar ‘ l quddiem.
Inrodd ħajr lill-organizzaturi u l-preżentaturi ta’ din is-serata, talli ma qatgħux qalbhom quddiem il-Pandemija u talli osservaw ir- regolamenti kollha meħtieġa.
Prosit lil kull min kien involut. Nixtieqilkom il-lejla t-tajba.