Peppi Azzopardi jirbaħ il-Gold Award
Il-ġurija responsabbli, mill-għoti tal-unur għall-persuna jew organizzazjoni li fil-ħidma ġurnalistika taghhom, marru lil hinn mill-qadi ta’ dmirijiethom, din is-sena laqgħet in-nominazzjoni, biex dan l-unur jingħata lil Peppi Azzopardi.
In-nominazzjoni ta’ Peppi Azzopardi iddeskrivietu hekk:
- Ix-Xandar;
- L-Opinjonist; u
- L-Ġurnalist li biddel it-televiżjoni f’Malta.
Wara 23 sena ta’ ġurnaliżmu u jmexxi l-aktar programm segwit f’Malta, din is-sena kienet it-tmiem tal-programm Xarabank u allura anke t-tmiem ta’ Peppi Azzopardi bħala preżentatur u ġurnalista fuq TVM.
Matul il-karriera tiegħu, Peppi Azzopardi dejjem kien il-vuċi taż-żgħir, il-vuċi ghal dawk li m’għandhomx vuci, u l-vuċi ta’ dawk huma ddiskriminati fis-socjeta’.
Peppi kien il-vuċi ta’ hafna eluf.
Bħala persuna dejjem ġab lil bniedem qabel kollox u fiċ-ċentru ta’ kollox.
Kien il-persuna li waqqaf l-Istrina, b’mod volontarju. Peppi Azzopardi qatt ma ħa ċentezmu mill-ġbir ta’ l-Istrina. L-istrina li ilha ‘l fuq minn 25 sena, kienet u għadha avveniment, katalista għal ħafna ġid matul is-sena, ma’ fost l-aktar persuni vulnerabbli f’pajjiżna.
Peppi Azzopardi kien hu stess li għadda l-Istrina taħt ir-responsabilita’ tal-President ta’ Malta, biex il-President ta’ pajjizna jkun f’qagħda aħjar li jieqaf ma’ min għandu bżonn.
Bla dubju dan huwa unur mistħoqq għal ġurnalist b’karriera ta’ suċċessi kbar fi kwalunkwe aspett, f’dan il-qasam ta’ xogħol, iżda wkoll għaliex bla dubju ħidmietu tirrifletti l-għan ta’ dan l-unur, jigifieri li jingħata lil dawk li f’ħidmiethom jmorru lil hinn mill-qadi ta’ dmirijiethom.
Fl-evalwazzjoni tan-nominazzjoni, il-Bord tal-Ġurija immexxi mill-E.T. Dr Marie-Louise Coleiro Preca, bħala President Emeritu, flimkien ma’ żewġ rebbieħa tal-Gold Award precidenti, jigifieri: Fr Joe Borg (1998) u s-Sur Laurence Grech (2019), ikkonkludejna li n-nominazzjoni saħansitra ma tagħmilx ġieħ biżżejjed lil hidma ġurnalistika ta’ Peppi Azzopardi u dan għaliex Peppi Azzopardi ma bezax jittratta temi jaħarqu, kellu il-kuraġġ, il-konvinzjoni u d-determinazzjoni li jisfida l-istatus quo u jindirizza suġġetti li kienu storikament, tradizzjonalment u kulturalment meqjusa bħala taboo f’pajjiżna.
Peppi Azzopardi daħal f’arena ta’ ġurnaliżmu u xandir meta l-gharfien tal-poplu Malti kien ghadu limitat u ristrett biex jiddiskuti bil-miftuh kwistjonijiet li sahansitra jidher li qed jikkumbatti kontra istituzzjonijiet li ghal zmien twil kellhom il-privilegg.
Il-ġurija semmiet esperjenzi wkoll, li Peppi Azzopardi għadda minnhom, fosthom meta mar l-Istati Uniti ftit wara li seħħ l-attakk terroristiku fuq it-Twin Towers fi New York fl-2001 u meta mar jirraporta mill-kamp tal-gwerra fil-Libja fost affarijiet oħra. Rapporti li normalment neħduhom minn newsrooms ta’ organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet internazzjonali u mhux mill-perspettiva tal-Maltin.
Iddiskutejna wkoll li meta ġie introdott Xarabank fl-1997, Peppi flimkien mat-tim li kellu miegħu, irnexxielhom ikunu strumentali biex jibdlu ix-xejriet tal-istazzjonijiet televiżivi Maltin. L-indikaturi ta’ dak iz-zmien kienu juru li l-Maltin kienu aktar isegwu l-istazzjonijiet Taljani, u Xarabank ghen biex din ix-xejra, tinbidel kompletament u l-Maltin japprezzaw aktar l-produzzjonijiet mahduma f’pajjizhom.
Għal dan il-għan, il-ġurija tal-Gold Award 2020, temmen li Peppi Azzopardi jilħaq il-kriterji kollha stabbiliti għal dan l-unur, ewlenija fost dawn il-kriterji li Peppi Azzopardi ikkontribiwixxa lil hinn mill-qadi ta’ dmirijietu bħala ġurnalist.