#MJA31 – Diskors mill-President tal-IĠM Matthew Xuereb
Kollegi u ħbieb, hu ta’ pjaċir għalija nilqagħkom f’din is-sala imprezzabbli għal serata fejn niċċelebraw il-ġurnaliżmu u l-ġurnalisti.
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija u ċirkostanzi oħra li wassluna biex nipposponu dan l-avveniment, sa fl-aħħar qegħdin hawn.
Ikun hemm min jistaqsi x’inhu l-iskop ta’ serata bħal din fejn nippremjaw l-aqwa xogħolijiet ġurnalistiċi. Dawn l-unuri huma intiżi biex jagħrfu x-xogħol u l-ħiliet tal-ġurnalisti u fl-istess ħin jgħinu biex jogħla l-livell tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna.
Serata bhal din hi bżonnjuża iżjed illum, biex tiddistingwi l-korp ġurnalistiku mill-ħafna ilħna oħra f’soċjetà iktar miftuħa fejn il-media soċjali tat pjattaforma lil kull min irid biex jikkomunika mal-bqija tad-dinja.
L-IĠM, permezz tal-ħidma tiegħu, kif ukoll permezz ta’ din is-serata, qed juri l-appoġġ tiegħu għal ġurnaliżmu ta’ kwalità, indipendenti, etiku u fl-aqwa interess pubbliku.
Fi żmien fejn l-istatistika tal-Eurobarometer tibqa’ turi nuqqas ta’ fiduċja tan-nies fil-ġurnaliżmu, iktar minn qatt qabel jeħtieġ li nsaħħu l-kredibbiltà tagħna bħala korp ġurnalistiku bi standards għoljin, professjonali u b’ħidma intelletwalment onesta u etika.
Hu b’dan il-ħsieb li l-IĠM qed jistudja flimkien mal-partners tiegħu Ewropej l-idea li jitwaqqaf media council f’Malta fuq mudell awto-regolatorju li jippromwovi l-etika ġurnalistika u jservi ta’ tarka għaċ-ċittadin ordinarju meta jħoss li l-ġurnalist ma mexiex b’mod etiku miegħu.
Nemmen li dan ikun pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex il-ġurnaliżmu f’Malta jibda jirkupra l-fiduċja tan-nies.
Iżda dan waħdu mhux biżżejjed. F’ambjent politikament polarizzat bħal Malta, jeħtieġ li jsir ħafna iktar biex il-liġijiet tal-pajjiż joffru protezzjoni iktar xierqa lill-ġurnalisti u joħolqu ambjent li fih il-ġurnaliżmu ħieles jista’ jsir bl-inqas xkiel possibbli.
Għal dan il-għan, l-IĠM hu wkoll rappreżentat fuq il-Kumitat tal-Esperti li twaqqaf f’Jannar tas-sena li għaddiet mill-Prim Ministru biex tibda l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-media u l-ġurnaliżmu li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-IĠM hu rappreżentat fuq dan il-Kumitat mis-segretarju ġenerali Kurt Sansone u minni.
Il-ħidma kollettiva tal-Kumitat tal-Esperti wasslet biex qabel is-sajf li għadda l-gvern ingħata abbozz ta’ proposti li jemendaw liġijiet li l-Prim Ministru kien talab lill-Kumitat janalizza.
Il-proposti tal-Kumitat ma kienux perfetti u żgur li setgħu jitjiebu iżda Kurt u jien, bħall-bqija tal-membri tal-Kumitat, konna ddiżappuntati ferm meta f’Settembru l-gvern poġġa fil-parlament emendi legali li ħallew barra wħud mill-iktar proposti importanti li għamel il-Kumitat.
L-IĠM sema’ l-għajta tal-membri tiegħu u ta’ oħrajn li l-proposti mressqa quddiem il-parlament ma kienux tajbin biżżejjed… anzi kienu ferm ’il bogħod minn dak li verament għandu bżonn il-korp ġurnalistiku.
Kif żgur tiftakru, permezz tal- persważjoni, Kurt u jien konna waqqafna l-proċess parlamentari u reġa’ nfetaħ il-proċess għall-konsultazzjoni pubblika.
Madankollu rrid nesprimi d-diżappunt tiegħi għall-fatt li ftit ħafna kienu dawk li resqu ’l quddiem b’ideat kostruttivi u bi proposti legali alternattivi. Nibqa’ ntenni l-bżonn li l-korp ġurnalistiku jieħu interess f’dak li qed jiġri.
L-IĠM jibqa’ jisħaq fuq il-bżonn li l-ġurnaliżmu ħieles ikun rikonoxxut bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija b’emendi kostituzzjonali serji li mhux biss jissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni imma joħolqu wkoll ambjent li jiffaċilita l-ġurnaliżmu ħieles. Inħela wisq żmien u hemm bżonn li mill-kliem sabiħ l-awtoritajiet jgħaddu għall-fatti.
L-IĠM jisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ liġi anti-SLAPP robusta li tipproteġi l-ġurnalisti minn kawżi legali li l-uniku skop tagħhom ikun li jbeżżaw, irażżnu d-dibattitu pubbliku u jkissru finanzjarjament lill-ġurnalist u l-media house tiegħu.
L-IĠM jispera u jibqa’ jaħdem biex il-gvern u l-Oppożizzjoni – għax fl-aħħar mill-aħħar it-tibdiliet kostituzzjonali se jkollhom bżonn iż-żewġ terzi tal-voti – jaslu li jifhmu l-bżonn u l-importanza tal-ġurnaliżmu f’soċjetà demokratika u li dan ikun indokrat bħala valur nazzjonali.
Ħbieb,
Soċjetà mingħajr ġurnalisti, mingħajr media houses ħielsa, mingħajr kummentaturi fuq pjattaformi li huma pubbliċi u kontabbli, hi soċjetà fqira u saħansitra perikoluża.
Meta l-ġurnaliżmu jirtira mix-xena jkun qed joħloq spazju ikbar lil min għandu interess li jimmiżinforma jew saħansitra jigdeb. Meta l-ġurnaliżmu jirtira mix-xena jkun qed joħloq spazju għall-impunità fil-konfront ta’ dawk b’intenzjonijiet ħżiena jew kriminali.
Iżda mhux biżżejjed li jkollna l-liġijiet tajbin jekk tonqos ir-rieda ta’ min hu fil-poter biex verament il-ġurnaliżmu jingħata r-rikonoxximent li jixraqlu.
Il-ġurnaliżmu jibqa’ rilevanti u importanti u għalhekk inħeġġiġkom, kollegi, biex tibqgħu tissieltu għall-verità, issusu wara min għandu l-poter, tistaqsu l-mistoqsijiet skomdi, tinvestigaw, tanalizzaw u tpoġġu fuq l-aġenda nazzjonali l-ilħna, it-tbatijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ nies komuni.
Agħmlu kuraġġ. L-IĠM se jkun hemm warajkom f’din il-ħidma.
Hu proprju għalhekk li nibqgħu nemmnu fl-importanza ta’ serata bħal din fejn flimkien niltaqgħu f’ċelebrazzjoni tal-ħidma kollettiva.
Iżda ma nistax ma nagħmilx riflessjoni wkoll dwar is-sostenibbiltà finanzjarja tal-medja.
Il-liġijiet li jipproteġu l-ġurnaliżmu huma importanti ħafna. Iżda jkun ta xejn li jkollna qafas legali u kostituzzjonali perfett jekk finalment il-pazjent imut jew ibaxxi l-kwalità minħabba problemi finanzjarji.
Din hi realtà li kull newsroom f’Malta qed tiffaċċja. It-turn over ta’ nies fis-settur hu kbir, id-diffikultà li tattira talent ġdid hi problema komuni, il-pagi baxxi ikkumparati ma’ setturi oħra jservu ta’ diżinċentiv u pressjonijiet oħra kummerċjali qed jagħmlu x-xogħol tagħna iktar diffiċli.
Jien nemmen li wasal iż-żmien li jkollna konverżazzjoni matura u serja dwar kif l-Istat jista’ jgħin finanzjarjament il-qasam ġurnalistiku b’regoli ċari u trasparenti. Din l-għajnuna tista’ tieħu forom differenti – tista’ tkun taħlita ta’ grants u inċentivi fiskali favur taħriġ u investiment, u tqassim ġust tar-riklamar tal-gvern u l-entitajiet tiegħu.
Jeħtieġ li tali konverżazzjoni ssir illum qabel għada.
M’inix beħsiebni intawwal iżjed imma ma nistax nagħlaq mingħajr ma nagħmel xi ringrazzjamenti.
L-ewwel nett nixtieq nirrangrazzja lilkom talli ipparteċipajtu bi ħġarkom f’dawn l-unuri. Kellna rekord ta’ sottomissjonijiet u dan jimlina kuraġġ.
Ovvjament dawn wasslu għal uġiegħ ta’ ras għall-ġurija li ħadmu lejl u nhar biex ilestu fil-ħin. Nitlobhom jiskużawni tat-timeframes qosra li tajthom. Nirringrazzjakom mill-qalb.
Kellna żewġ panels separati li ħadmu kompletament independent minn xulxin u, iżjed important minn hekk, independentament mill-IĠM u mill-organizzaturi ta’ din is-serata. Kellhom aċċess dirett għall-pjattaforma fejn għamiltu n-nomini tagħkom u kellhom free hand kompleta.
Nirringrazzja fuq kollox lill-isponsors ta’ din l-attività. Mingħajr l-appoġġ finanzjarju tagħhom ma kienx ikun possibbli li norganizzaw din is-serata. L-isponsors ewlenin Bank of Valletta u l-Malta International Airport, li sibnihom pronti joffru l-appoġġ ġeneruż tagħhom. Nirringrazzja wkoll lill-isponsors l-oħra li wkoll aċċettaw mill-ewwel li jappoġġjawna: il-Heritage Malta li qed jilqawna hawnhekk illum, Il-Ministeru għall-Arti u l-Kultura, Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknologija (MCAST), WasteServ, GO plc, ROCS Group, Il-Kummissjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà li din is-sena nedew unur ġdid għall-aħjar xogħol li ippromwova d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, il-Malta Public Transport, Laferla Insurance, eCabs u Zanzi Homes; lil Liam Mangion għall-videos tal-finalisti li se taraw illejla u lil Fabian Demicoli għall-loġistika teknika.
Ma nistax ninsa lil Keith…jidher li qalbek ghadha thabbat ghall-gurnalizmu.
Nirrinzrazzja wkoll lill-kunsill tal-IĠM, speċjalment lis-Segretarju Ġenerali Kurt, is-sidekick tiegħi.
Grazzi mill-qalb.
Finalment, nirringrazzja lill-familjari tagħna lkoll, li minkejja li m’għażlux li jkunu ġurnalisti, jispiċċaw ibatu huma wkoll minħabba fina.
Persważ li kull wieħed minna jsibha iktar diffiċli jagħmel xogħlu sew u b’serenità jekk ma jkollux il-familjari tiegħu warajh.
Grazzi tal-paċenzja u l-appoġġ.
Insellem ukoll il-memorja ta’ ġurnalisti li m’għadhomx magħna, speċjalment il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia li inqatlet minħabba xogħolha.
Kollegi, nerġa nirringrazzjakom talli qegħdin hawn u nittama li jkollkom serata pajċevoli. Grazzi.