#MJA30 – Diskors mill-President tal-IĠM Sylvana Debono
Il-Libertà tal-espressjoni tista’ tintqies bħala l-akbar rigal li ċ-ċivilizzazzjoni tat lis-soċjetà umana. Il-ħsieb wara l-ħarsien ta’ dan id-dritt fundamentali huwa li l-ħelsien fl-espressjoni ipatti bil-wisq aktar għal ċeri ġrieħi li din it-tip ta’ libertà tista’ tikkawza. Il-libertà tal-espressjoni hija sies fundamentali għall-għarfien tal-pluraliżmu u d-diversità fil-fehmiet tal-bnedmin.
Madankollu, il-libertà tal-espressjoni mhix libertinaġġ. Spiss wisq, bħala ġurnalisti qed niffaċċjaw udjenzi li minflok jesprimu fehmiet differenti u kontrastanti, kif inhu sew, xieraq u sabiħ li jagħmlu, jinfexxu f’tgħajjir u insulti. Dawn minflok li jwasslu biex l-argumenti jikbru u jittejjbu, jiddeġeneraw fi ġlied li huwa xhieda ta’ poplu li l-ħsieb kritiku tiegħu huwa ta’ livell fqir hafna. Nistħi ngħid ukoll li ġieli kien hemm ġurnalisti, attwali jew le, li waqgħu għal dan il-livell. Dan huwa ta’ għajb kemm għas-soċjetà tagħna kif ukoll għall-professjoni meta dan iseħħ.
Iżda nistaqsi, x’inhi l-alternattiva għal din l-isfida kbira li l-ġurnaliżmu qed jiffaċċja llum? Sfida li min għandu s-setgħa u l-flus, jista’ jagħlef lil troll factories, lokali u internazzjonali, li ma għandhom l-ebda għan ħlief dak li jkissru r-reputazzjoniiet u l-jgħammdu l-verità.
Jekk teżisti għodda li tassew għandha il-ħila li ġġib il-bidla, din hija il-kelma. Il-kelma hija ż-żerriegħa li tnibbet ir-revoluzzjonijiet fis-soċjetà. U l-ġurnaliżmu, fid-diversi għamliet tiegħu, mitkellem, stampat, diġitali, b’ritratti u oħrajn huwa l-espressjoni tanġibbli ta’ dak id-duħħan li l-moħħ joħroġ mill-fomm. Jekk tassew nemmnu li l-espressjoni għandha tkun ħielsa mela żgur li dawk li jippruvaw joħonqu l-verità ma hemmx posthom fis-soċjetà. Imma x’tagħmel allura, toħnoq lilhom? Jidhirli li jekk jiġri hekk, is-soċjetà tkun qed tagħmel dak li ma għandiex tagħmel.
Din hija naħseb, l-akbar sfida kemm għall-ġurnaliżmu kif ukoll għas-soċjetà li ngħixu fiha. Nemmen li għal din l-isfida, l-aqwa għodda li għandu l-ġurnalist u b’konsegwenza s-soċjetà, hija li x-xogħol ġurnalistiku isir bl-akbar reqqa possibbli. Ġurnaliżmu ħieles huwa il-pedament ta’ demokrazija b’saħħitha u vibranti. Huwa sejf u tarka kontra għedewwa formidabbli bħalma huma il-korruzzjoni fil-politika, fil-kummerċ u fl-istituzzjonijiet. Huwa l-ħżiem ta’ ekonomija robusta u soċjetà aktar ġusta.
Iżda r-reqqa fil-ġurnaliżmu tista’ sseħħ biss jekk dawk li jipprattikawha jibbażaw lilhom infushom fuq it-tfittxija għall-verità, l-għożża tal-integrità u l-impenn lejn it-trasparenza. Għalxejn nippamplaw ta’ ġurnalisti primi jekk, quddiem is-setgħana ngħotru u lsienna jeħdel. U meta nagħmlu xogħolna, l-għadd ta’ ħbieb dlonk taraħ jonqos. Iżda meta jiġri hekk, tkun taf li miexi fit-triq tas-sewwa.
Huwa ta’ dispjaċir li ninnota li l-qawwiet tas-suq spiss idendlu ix-xabla ta’ Damokle fuq l-irjus tal-ġurnalisti u l-azjendi tagħhom. Din it-tug-of-war ma hjiex xi ħaġa li tiġri biss Malta. Li tipprova ssallab lill-media billi tfaqqarha hija tattika li tvarja milli twaqqaf reklamar għal mezzi oxxenament legali bħalma huma kawżi ta’ SLAPP. Dan ippruvaw jagħmluh anke fuq ġurnalista li spiċċat inqatlet għax-xogħol li kienet qed tagħmel. Wieħed jittama li dak l-omiċidju atroċi jwassal biex aħna bħala ġurnalisti ngħassu sew id-dinjità u l-integrità tagħna.
Le mhux kollox għal bejgħ.
Le mhux kulħadd għandu prezz.
U għax mhux kollox għal bejgħ, l-aħbarijiet m’humiex u ma għandhom qatt ikunu kkundizzjonati minn min qed iħallas għar-reklamar. Lanqas ma għandhom ikunu imdewwba għax nibżgħu minn min irid jaljena u jgħajjarna negattivi. F’pajjiż li l-ħsieb kritiku għad irid jirfes l-għetiebi tal-iskejjel, il-ġurnalisti għandhom id-dmir li imorru u jfittxu huma il-verità. Hemm nom għal dak li joqgħod gallarija bl-iskuża tal-imparzjalità biex la jfuħ u lanqas jinten ma ħadd, imma dak in-nom mhux ġurnalist jew gurnalista.
Il-pajjiż jinsab f’salib it-toroq, salib it-toroq li wasal għalih kemm minħabba ġrajjiet klamorużi u ta’ swied ta’ qalb bħalma kien l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll minhabba l-iżviluppi mportanti fl-oqsma ekonomiċi u teknoloġiċi. Biex ma nieħdux it-triq il-ħażina, irridu nsejjsu għemilna fuq il-valuri bażiċi tal-verità, l-umità u l-integrità. Ma rridux nieqfu nħaffru u nfittxu dak li huwa sewwa u nkunu umli biżżejjed biex ma nassumux li nafu kollox. Irridu nibqgħu miftuħin għal fatti ġodda li jfeġġu għad-dawl tax-xemx. Fuq kollox irridu inkunu aġenti ta’ bidla. Il-mediascape Malti għandu bżonn ħarta sewwa u mill-qiegħ. L-istituzzjonijet preżenti għandhom bżonn jinbidlu biex ikunu jistgħu jaqdu tassew socjetà multi-kulturali li tisserva minn teknoloġiji li dawn l-istituzzjonijiet ma għadhomx ileħħqu magħhom. Irridu nħarsu sew lejn il-liġijiet li jaffettwaw u jiggvernaw ix-xandir u l-istampa. Spiċċa ż-żmien li nraqqgħu l-liġijiet f’dawn l-oqsma. Inħeġġeġ lill-gvern biex iwaqqaf task force favur riforma fil-liġijiet dwar il-mezzi tax-xandir u l-istampa. B’hekk, jekk infasslu roadmap f’dan il-qasam, inkunu ukoll qed inwittu t-triq għal soċjetà aktar ġusta u demokrazija