New Complaints Procedure Adopted
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jippubblika u jqiegħed fuq is-sit elettroniku www.igm.mt il-proċedura li se tkun addottata meta jidħlulu lmenti ta’ xkiel lejn il-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-proċedura li se tkun addottata hija din:
- Meta l-ilment jasal għand l-IĠM permezz ta’ email fuq info@igm.mt, dan jiġi assessjat biex ikun stabbilit li l-ilment hu wieħed validu. L-ilment għandu jkun sostnut minn evidenza li tinsab għand min qed jagħmel l-ilment.
- Il-bażi tal-argument li jinġieb fl-ilment tintbgħat lil parti li allegatament wettqet in-nuqqas biex ikollu iċ-ċans jgħid il-verżjoni tiegħu tal-fatti fi żmien ta’ mhux aktar minn 6 siegħat.
- L-IĠM, ladarba jirċievi risposta, jibgħat tweġiba lil min ikun ressaq l-ilment u jippublika l-korrispondenza kollha fuq is-sit elettroniku igm.mt.
- L-ilment għandu jiġi indirizzat u tinħareġ tweġiba sa mhux aktar tard minn 24 siegħa ta’ xogħol mindu l-IĠM ikun irrikonoxxa li irċieva l-ilment.
Dan il-pass qed jittieħed fid-dawl tal-fatt li f’dawn il-ġranet, għaddejja kampanja elettorali għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-proċedura se tibqa applikabbli wara din il-fażi fl-iżvilupp demokratiku ta’ Malta.
L-IĠM jappella liż-żewġ kandidati fl-elezzjoni preżenti biex jassiguraw li tul din il-kampanja, il-ġurnalisti kollha jitħallew jaqdu dmirhom bil-liberta’ u ma jkunu mxekkla bl-ebda mod mill-kandidati nfushom jew min-nies ta’ madwarhom.
Dmir il-ġurnalisti hu li jwasslu lill-qarrejja jew udjenza tagħhom dak kollu li jkun għaddej f’din il-kampanja qasira u jitħallew jagħmlu d-domandi li jidhrilhom xierqa.