Ilment dwar imbuttar u xkiel fuq ġurnalist waqt il-qadi ta’ dmirijietu
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin irċieva ilment mingħand is-Sur Edward Montebello, kap tat-taqsima tal-aħbarijiet ta’ One, nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru 2020. Fl-ilment tiegħu, s-Sur Montebello ippreżenta link li fiha filmat li qal huwa uncut (tistgħu issibuha hawn taħt) li qal juri ċar li l-ġurnalist ġie imblukkat u imbuttat waqt li kien qed jagħmel mistoqsijiet lil Dr Bernard Grech, kandidat fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Is-Sur Montebello qal li dan mhux aġir xieraq fil-konfront ta’ ġurnalist, hu min hu, talab għal kundanna mill-IĠM u żied li l-ġurnalist kien qed jagħmel mistoqsijiet bl-edukazzjoni kollha.
L-IĠM bgħat lis-Sur Alessandro Farrugia f’isem it-tim ta’ Dr Grech:
“L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għandu quddiemu rapport b’allegazzjoni li ġurnalist, waqt li kien qed jagħmel mistoqsijiet lil Dr Bernard Grech f’post pubbliku f’San Giljan, ġie imbuttat u wara imblukkat milli jkompli jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu minn nies inkarigati mis-sigurtà ta’ Dr Grech.
Link ghall-filmat: https://www.one.com.mt/news/2020/09/19/bil-filmat-bodyguards-ta-bernard-grech-jimbuttaw-u-jimblukkaw-lill-gurnalist-ta-one-news/
Waqt li naffermaw li ġurnalist qatt m’għandu jiġi b’xi mod imfixkel milli jwettaq dmiru, xtaqna reazzjoni min-naħa tagħkom dwar dan il-każ.
Napprezzaw jekk tibgħatulna reazzjoni sa kmieni wara nofsinhar.”
Fi tweġiba, is-Sur Farrugia wieġeb hekk:
“Mill-informazzjoni li ksibt mingħand persuni preżenti bl-ebda mod ma jirriżulta li l-ġurnalist in kwestjoni ġie b’xi mod imbuttat jew imblukkat. Mill-filmat jidher ċar li Dr Bernard Grech wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mil-ġurnalista ta’ One News.
Filwaqt li nassigurak li aħna kommessi favur id-dritt tal-espressjoni tal-media, napprezzaw il-ħidma tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin favur dan id-dritt u favur ġurnalizmu tassew serju u imparzjali.”
L-IĠM jikkonkludi b’dan il-mod:
FIlwaqt li huwa minnu li l-kandidat Bernard Grech wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist, l-ewwelnett kien ikun ħafna aktar xieraq li tinżamm distanza adegwata minn kulħadd. Ix-xogħol tal-ġurnalist huwa li jsaqsi mistoqsijiet u doorstepping hija prattika aċċettata. Mill-filmat jidher li l-ġurnalist f’waqt minnhom seta’ ġie imblukkat milli jkompli jagħmel mistoqsijiet lil Dr Grech, ħaġa li m’għandiex issir. Jekk il-politiku jibqa’ jagħti l-istess tweġiba, din hija sinjifikanti għall-ġurnalist, fiha nnifisha.
L-IĠM jappella biex il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħolhom fil-libertà u ma jkunux imxekkla bl-ebda mod.
Ir-rispett bejn il-ġurnalisti u l-persuni fil-ħajja pubblika huwa meħtieġ miż-żewġ naħat.