30th edition of the Malta Journalism Awards
It-30 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards
18-il Kategorija li jippremjaw l-isforzi ġurnalistiċi
Il-Kummissjoni Malta Journalism Awards fi ħdan l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed tniedi t-30 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards b’numru ta’ tibdiliet u bl-inklużjoni ta’ kategoriji ġodda. L-iskop ta’ dawn l-awards hu li jippremjaw l-isforzi tal-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom u fl-istess waqt ikompli jgħolli l-livell tal-ġurnaliżmu lokali.
Għall-ewwel darba, l-awards qed jiġu organizzata minn Kummissjoni mwaqqfa fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Ġunju li għadda biex tieħu ħsieb l-organiżazzjoni ta’ dawn l-awards b’mod awtonomu mill-Kunsill Eżekuttiv tal-IĠM. Il-Kummissjoni hi iffurmata minn Pierre Cassar li ħa ħsieb il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-awards imniedi is-sena l-oħra, Sando Micallef u Christian Peregin. Il-President tal-IĠM Sylvana Debono, s-Segretarju Ġenerali Nigel Mifsud u t-Teżorier Mario Schiavone ukoll jiffurmaw parti minn din il-Kummissjoni biex ikun żgurat li jkun hemm sinerġija mad-direzzjoni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
It-30 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards se jirriflettu l-konsultazzjoni li saret mal-membri aktar kmieni din is-sena.
B’kollox se jkun hemm 18-il kategorija li jkopru l-oqsma kollha tal-ħidma ġurnalistika fl-oqsma kollha, bl-introduzzjoni tal-award ewlieni għall-aħjar ħidma ġurnalistika investigattiva. Ma dawn hemm l-Gold Award, li jirrikonoxxi ġurnalist/a li jkun serva fil-professjoni għal tul ta’ żmien.
Ma’ din l-istqarrija qed nippubblikaw il-kategoriji kollha f’din il-kompetizzjoni u notamenti rigward kull kategorija.
Ix-xogħlijiet sottomessi għall-edizzjoni ta’ din is-sena jridu jkunu pubblikati fis-sena 2019.
Innovazzjoni oħra hi il-website ġdida li investa fiha l-IĠM – igm.mt – pjattaforma diġitali li se sservi bħala ċentru ta’ informazzjoni għall-ħtiġijiet tal-ġurnalisti. Fl-ewwel fażi tal-website, il-ġurnalisti jistgħu igawdu mill-introduzzjoni tas-sottomissjonijiet b’mod elettroniku għall-Malta Journalism Awards, mod aktar effiċjenti u favur l-ambjent billi jaqta l-bżonn li s-sottomissjonijiet jingħataw bl-idejn bl-użu ta’ karti u DVDs.
L-applkazzjonijiet għall-Malta Journalism Awards huma miftuħa, bl-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sal-25 ta’ Settembru 2020
Is-serata finali tal-Awards se ssir fl-14 ta’ Novembru 2020. Aktar dettalji jitħabbru aktar tard, anke skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni kawża tal-Covid 19.
Tista’ tara r-regoli fuq https://igm.mt/2020/09/14/malta-journalism-awards-30-rules-and-regulations/