Ittra lill-kapijiet tal-Aħbarijiet dwar miżuri relatati mal-COVID19
Għażiż Kap tal-Aħbarijiet,
Fl-aħħar jiem, numru ta’ ġurnalisti u kmamar tal-aħbarijiet esprimew magħna tħassib dwar il-mod kif qed jaħdmu l-ġurnalisti fis-sitwazzjoni tal-COVID-19, speċjalment fid-dawl taż-żieda fin-numru ta’ kazijiet attivi.
L-IĠM huwa tal-fehma li l-ġurnalisti kollha għandhom jilbsu l-maskri jew visors waqt li jkunu qed jattendu konferenzi tal-aħbarijiet u attivitajiet oħra. Ħafna ġurnalisti qed jieħdu dawn il-prekawzjonijiet fil-ħajja privata tagħhom u allura ma jagħmilx sens li l-kollegi tagħhom ma jagħmlux l-istess waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-użu tal-maskri jew visors huwa wkoll suġġerit għaliex il-ġurnalisti ma jkunux jafu liema postijiet/attivitajiet ikunu iffrekwentaw il-kollegi tagħhom u anke nies oħra li jkunu qed jindirizzaw l-attivita in kwistjoni.
Bl-użu ta’ maksri/visors ikun qed jitnaqqas ir-riskju ta’ trasmissjoni bejn il-persuni li jkunu qed jattendu dik l-attività partikolari u, allura, l-possibiltà ta’ trasmissjoni mal-kollegi tagħhom lararba jirritornaw fil-kamra tal-aħbarijiet.
Nemmnu li jekk il-ġurnalisti jilbsu l-maskri/visors, inkunu qed anke jagħtu eżempju tajjeb lill-qarreja/segwaċi tagħna.
Min-naħa tagħna se nkellmu wkoll lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, lill-partiti politiċi u entitajiet oħra biex ikun dejjem żgurat li, waqt l-attivitajiet tagħhom, tinżamm id-distanza soċjali, inkluz fil-ħin fejn isiru l-mistoqsijiet.
Dan, iżda, jirrikjedi wkoll ftit kooperazzjoni bejnietna. Għalhekk, huwa importanti li meta l-ġurnalisti jmorru biex jistaqsu, ma jkunx hemm rassa u konfuzjoni. Għandu jittieħed il-ħin biex kulħadd iżomm ftit distanza, filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd ikollu ċans jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu. Intennu li fejn hu possibli jintuża mic-extension meta jkunu qed jittieħdu l-intervisti biex ikun żgurat li tinżamm id-distanza soċjali.
Napprezzaw il-koperazzjoni tagħkom.